It-taqsima ġiet imwaqqfa bil-għan li tirregola t-tqegħid fis-suq, il-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-manifattura u l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji. Tippromwovi wkoll l-użu responsabbli ta’ prodotti mediċinali veterinarji li jkunu ta’ kwalità tajba, siguri u effettivi.
It-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).
It-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji tassesja jew tivvaluta applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji li għandhom jitqiegħdu fis-Suq Malti. Hemm tariffi differenti ta’ awtorizzazzjoni/reġistrazzjoni għal dawn li kważi kollha jġorru ħlas. Informazzjoni dwar dan tista’ tinstab fil-parti ta’ dan is-sit web imsejħa ‘Awtorizzazzjoni għal Prodotti Mediċinali Veterinarji’.
It-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji tivvaluta wkoll applikazzjonijiet għall-Awtorizzazzjoni għal Distributur bl-Ingrossa ta’ Prodotti Mediċinali Veterinarji, Liċenzja ta’ Spiżerija Veterinarja, Awtorizzazzjoni ta’ Mitħna tal-Għalf Medikat u awtorizzazzjoni għal Manifattur ta’ Prodott Mediċinali Veterinarju.
Dawn kważi kollha jġorru ħlas. Informazzjoni dwar dan tista’ tinstab fil-parti ta’ dan is-sit web imsejħa ‘Ftuħ ta’ Negozju Ġdid’.
Barra minn hekk, it-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji tivverifika pakketti postali li fihom Prodotti Mediċinali Veterinarji miksuba għal użu privat, twettaq spezzjonijiet fuq il-partijiet interessati kollha bħala parti mill-programm ta’ sorveljanza tagħha, tissorvelja s-servizz tar-riċetta veterinarja (ir-riċetta veterinarja elettronika u kopji stampati) u tikkontribwixxi b’mod estensiv għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-użu prudenti ta’ prodotti mediċinali veterinarji, speċjalment antimikrobiċi.
Ir-Regolamenti li ġejjin ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea nhar is- 07 ta’ Jannar 2109 u ġew applikati nhar it-28 ta’ Jannar 2022.
u
Informazzjoni fuq Regolament (EU) 2019/6.
L-iskop ta’ dawn ir-reviżjonijiet fil-Leġiżlazzjoni tal-UE huwa li tiżdied l-aċċessibiltà għall-prodotti mediċinali veterinarji u l-għalf medikat, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq l-intrapriżi, biex titjieb il-funzjonalità tas-suq intern u biex jiġu assessjati l-possibiltajiet għal rispons aħjar għar-reżistenza antimikrobika.
L-informazzjoni fuq dan is-sit tiġi reveduta fuq bażi regolari u aġġornata skont l-oqsma leġiżlattivi, regolatorji u tekniċi li jevolvu b’rata mgħaġġla.
It-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji mhiex responsabbli jekk il-kunċetti jinftehmux jew le mill-qarrej.
L-informazzjoni preżenti fuq dan is-sit m’għandhiex titqies bħala materjal ta’ konsulenza professjonali. Il-partijiet interessati huma responsabbli mid-deċiżjonijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni eżistenti u r-rekwiżiti.
Il-partijiet interessati huma mħeġġa jirreferu għal-leġiżlazzjoni proprja. L-aktar leġiżlazzjoni rilevanti hija kif ġej:
Apparti minn S.L 35.38, Il- Leġiżlazzjonijiet Sussidjarji l-oħra ġew ppubblikati taħt Kapitlu 437, l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji hekk kif emendat.
L-emendi fl-Att dwar is-Servizzi Veterinarji permezz ta’ l-att No. XIV ta’ 2022 ippubblikat fit-28 ta’ Ottubru 202 żiedu l-poter meħtieġa lill-ministru biex jippromulga leġiżlazzjoni importanti relatata ma’ kull ħaġa relatata ma’ prodotti mediċinali veterinarji. Fost il-bidliet importanti hemm dawk relatati ma’ azzjoni ta’ infurzar, ġbir ta’ data dwar il-bejgħ, penali, applikazzjoni għal liċenzji għal spiżeriji veterinarji, fuq l-ispiżjar li jmexxi l- ispiżerija veterinarja u allinjament mar-regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018. Saru wkoll emendi fir-rigward tal-funzjonijiet tal-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali, il- responsabbiltajiet tad-Direttur tas-Servizzi Veterinarji u l-qtil ta’ annimali li jipproduċu l-ikel.
Il-partijiet interessati jistgħu jsibu lista tal-prodotti veterinarji kollha awtorizzati fl-UE fil-Bażi tad-Dejta tal-Prodotti tal-Unjoni (UPD)
It-taqsima tal-Mediċini Veterinarji tagħti l-kontribut tagħha fl-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni u l-Konteniment tar-Reżistenza Antimikrobika f’ Malta 2020 – 2028.
Il-Grupp ta’ Ħidma Ewropew dwar il-Bejgħ u l-Użu ta’ Antimikrobiċi għall-Mediċina Veterinarja (ESUAvet) jipprovdi gwida u rakkomandazzjonijiet strateġiċi lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) Din il-gwida tirreferi għall-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar il-volumi tal-bejgħ ta’ antimikrobiċi veterinarji u l-użu ta’ antimikrobiċi f’ annimali fl-Unjoni Ewropea (UE).
Permezz tat-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji Malta tipparteċipa b’mod attiv f’dan il-grupp ta’ ħidma u tiġbor id-data obbligatorja dwar l-użu u l-bejgħ tal-antimikrobiċi.
.
Biex tappoġġja lill-Istati Membri f’dan il-kompitu, fit-28 ta’ Ġunju 2022 il-Kummissjoni tal-UE ħarġet sejħa għal proposta għall-Implimentazzjoni tal-ġbir u r-rappurtar ta’ data dwar il-bejgħ u l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali għall-perjodu 2022-2027′ (SMP -FOOD-2022-AMRtool) għal għotjiet fil-qasam tar-Regolament tal-Programm tas-Suq Uniku.
Is-sejħa hija mmexxija mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u l-Eżekuttiv Diġitali (HaDEA)
Fis-6/03/2023 ġie ffirmat il-ftehim mal-Kummissjoni tal-UE. Il-finanzjament se jkun ta’ 100% u se jkun dwar ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal addattati li jistgħu jiġu inkarigati bil-ġbir ta’ data dwar il-bejgħ u l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji li fihom antimikrobiċi.
It-taqsima hija wkoll il-kollegament ewlieni għall-parteċipazzjoni bħala entità affiljata f’azzjoni konġunta taħt il-programm ta’ ħidma annwali 2021 tal-Programm EU4Health.
F’dan il-programm il-ko-finanzjament (80%) huwa pprovdut mill-UE biex tippromwovi l-kwalità tal-mediċini u biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Unjoni u Pajjiżi Terzi permezz ta’ taħriġ, verifiki konġunti, valutazzjonijiet mill-ġdid u spezzjonijiet dwar manifattura tajba ( GMP) u prattiki ta’ distribuzzjoni tajba (GDP).
It-Taqsima tal-Mediċini Veterinarji hija l-entità f’Malta li għandha l-kompitu li tissorvelja ċ-ċertifikazzjoni għal Prattika ta’ Manifattura Tajba (GMP) u prattika ta’ distribuzzjoni tajba (GDP) ta’ prodotti mediċinali veterinarji.