vsd.gov.mt

Ir-Rimi ta’ Prodotti Mediċinali Veterinarji

Introduzzjoni

Hemm żewġ tipi ta’ skart li huma ġġenerati mill-partijiet interessati involuti fl-industrija tal-prodotti mediċinali veterinarji, jiġifieri dak li ġej direttament minn prodotti mediċinali veterinarji u dak mill-ippakkjar tiegħu. Dak derivat direttament minn prodott mediċinali veterinarju jikkonsisti fi prodotti mediċinali veterinarji mhux użati, mhux adattati jew skaduti bħal kapsuli, trab u qtar. F’din it-taqsima tas-sit elettroniku dan it-tip ta’ skart se jiġi deskritt bħala ‘Skart Farmaċewtiku Veterinarju’. It-tip l-ieħor ta’skart huwa l-materjal derivat minn ippakkjar użat u jikkonsisti prinċipalment minn kartun u plastik. Dan normalment huwa kklassifikat bħala materjal riċiklabbli wkoll.

Skart Veterinarju Farmaċewtiku

Kemm l-industrija kif ukoll individwi privati jistgħu jiġġeneraw kwantità ta’ skart veterinarju farmaċewtiku li jista’ jkun perikoluż għall-ambjent u/jew għas-saħħa tal-annimali u dik umana jekk ma jintremewx skont il-proċeduri proprji.

Pereżempju, ir-rimi mhux xieraq ta’ prodotti mediċinali veterinarji antimikrobiċi jew prodotti mill-annimali jew prodotti sekondarji li fihom l- antimikrobiċi jista’ jikkontribwixxi għall-problema tar-reżistenza antimikrobika. Għalhekk, ġew stabbiliti sistemi biex jiġi evitat rimi mhux sikur.

Il-‘Prinċipju tas-Saħħa Waħda’ (One Health Principle) jenfasizza l-fatt li s-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent huma interrelatati u ma jistgħux jiġu separati. Kull ħaġa li taffettwa lil wieħed se jaffettwa lill-ieħor.

Għandhom jiġu kkunsidrati kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni u ta’ sigurtà jew indikazzjoni ta’ riskji potenzjali, li jkunu speċifikati fuq il-prodott li minnhom ikun inħoloq l-iskart.

L-iskart farmaċewtiku jista’ jiġi subdiviż fi tliet tipi ta’ skart Farmaċewtiku. Kull tip għandu jintrema b’mod differenti.

  • Ammont żgħir ta’ skart farmaċewtiku (mhux ċitotossiku) ġġenerat l-aktar minn individwi privati, mhux kummerċjali.
  • Kwantità kbira ta’ skart farmaċewtiku (mhux ċitotossiku) ġġenerat l-aktar minn entitajiet kummerċjali jew governattivi, e.ż. raħħala, spiżeriji veterinarji, bejjiegħa bl-ingrossa ta’ prodotti veterinarji, fabbirki ta’ għalf medikat, veterinarji jew ċentri ta’ riċerka.
  • Skart Farmaċewtiku ‘cytotoxic’

Proċedura għar-Rimi ta’ Kwantità Żgħira ta’ Skart Farmaċewtiku

Kulħadd jista’ jiddisponi minn prodotti mediċinali veterinarji qodma, mhux użati, mhux mixtieqa jew skaduti f’kontenituri tal-iskart iddisinjati apposta li jinsabu fl-ispiżeriji veterinarji liċenzjati kollha. Il-prodotti mediċinali veterinarji li jistgħu jintremew b’dan il-mod huma pilloli u kapsuli maħlula jew ippakkjati, mediċini bbottiljati u tubi tal-krema mediċinali. Id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji għamel Memorandum ta’ Ftehim ma’ Wasterserve biex ikopri l-ispejjeż tat-trasport u l-qerda ta’ dan l-iskart.

Qabel ma jintrema, l-ippakkjar ta’ barra, il-fuljetti tal-pakkett, u kwalunkwe tappijiet tal-plastik, tazzi jew mgħaref għandhom jitneħħew. Dawn għandhom jintremew fil-borża griża tar-riċiklaġġ.

Fliexken vojta tal-mediċina tal-ħġieġ għandhom jintremew fil-bins tal-ħġieġ.

L-Iskema mhix maħsuba għall-iskart industrijali.

Prodotti mediċinali veterinarji qodma, mhux użati, mhux mixtieqa jew skaduti jistgħu wkoll jintremew f’ ‘Civic Waste Amenity Sites’ li jinsabu f’diversi partijiet tal-gżejjer Maltin. Il-produttur tal-iskart għandu jikkuntattja lill-persunal magħżul minn dawn is-siti għal aktar informazzjoni dwar il-kwantitajiet li jitħallew jintremew f’dawn is-siti.

Proċedura għar-Rimi ta’ Kwantità Kbira ta’ Skart Farmaċewtiku

L-iskart farmaċewtiku għandu jgħaddi mill-‘Proċedura ta’ Aċċettazzjoni tal-Iskart’ u l-produttur tal-iskart għandu jagħmel kuntatt mall-uffiċjali inkarigati responsabbli minnu fil-Faċilità ta’ Trattament Termiku tal- Wasterserv Malta Ltd qabel l-iskart jittieħed f’din il-faċilità.

Proċedura għar-Rimi ta’ Skart Farmaċewtiku Ċitotossiku

La s-Siti għall-Ġbir ta’ Skart Ċiviku u lanqas il- Wasterserv Malta Ltd m’għandhom il-faċilitajiet li jaċċettaw skart ċitotossiku. Għaldaqstant, it-tali skart ma jistax jintrema f’dawn is-siti.

Madanakollu, hemm brokers tal-iskart li jistgħu jkunu lliċenzjati biex jesportaw dan l-iskart. Produtturi tal-Iskart għandhom jagħmlu kuntatt mal- Wasterserv Malta Ltd għal aktar informazzjoni.

Materjal Riċiklabbli minn Materjal tal-Ippakkjar

Importaturi ta’ oġġetti għandhom jirriċiklaw ċertu persentaġġ ta’ materjal tal-ippakkjar sabiex ikunu kompjaċenti mal-leġiżlazzjoni kurrenti A.L. 98 tal-2004. Għandu jiġi enfasizzat li l-kumpaniji li jingħataw il-kuntratt biex joffru dan is-servizz jistgħu ma jkunux l-istess kumpaniji li huma rreġistrati bħala brokers tal-iskart jew trasportaturi tal-iskart.

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.